Il-bijografija
tiegħi.
Għandi 28 sena, u jien ż-żgħir minn żewġt aħwa.
Kont nattendi l-iskola Primarja ta’ Santa Venera u wara l-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pietà. Wara sentejn oħra ta’ studju l-Junior College, komplejt nistudja fl-Università fil-kors tal-Liġi. Gradwajt fl-2018 bħala avukat u s-sena wara ġibt il-warrant biex nipprattika l-liġi. Fl-2019 għamilt sena nistudja Turin l-Italja, fejn gradwajt f’Masters dwar il-Kriminalità Transnazzjonali u l-Ġustizzja minn Università tan-Nazzjonijiet Uniti li tispeċjalizza fid-drittijiet umani tal-bniedem.
Qabel bdejt nipprattika ta’ avukat, ħdimt għal diversi snin bħala ġurnalist u kif ukoll naqra l-aħbarijiet ma’ NET News.
Ilni nvolut fil-politika, fejn ġejt elett l-ewwel darba fil-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera fl-2013 ta’ 18-il sena u fl-2019 ġejt elett Minority Leader fl-istess lokalità. Kont ilni nvolut fil-Partit Nazzjonalista minn ta’ 16-il sena fejn bdejt fil-Kumitat Sezzjonali ta’ Santa Venera u anke fl-MŻPN.
F’dawn l-aħħar snin, minbarra li servejt bħala President tal-Kumitat Sezzjonali Santa Venera, ġejt elett bħala Rappreżentant tal-Kunsilliera Lokali tal-Ewwel Distrett fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-2022, ikkontestajt b’suċċess l-elezzjoni ġenerali fuq l-Ewwel Distrett (il-Belt Valletta, Floriana, il-Ħamrun, il-Marsa, Tal-Pietà, Gwardamanġa u Santa Venera) u ġejt elett fil-Parlament ta’ Malta għall-ewwel darba.