Il-wegħda
tiegħi.
Partit Magħqud: l-ewwel u qabel kollox
Il-Partit għandu bżonn jingħaqad bħala l-ewwel biċċa xogħol ta’ tmexxija ġdida.
Biex jagħmel dan, il-Partit għandu bżonn tmexxija li taħdem biex tkompli tirbaħ il-fiduċja mhux biss tal-membri kollha tal-Partit imma ta’ firxa usa’ ta’ nies.
Inwiegħdek li jekk inti tagħżel lili biex immexxi lill-Partit Nazzjonalista, jiena ser nimpenja ruħi li naħdem bla waqfien biex ngħaqqad lill-Partit. Ser naħdem b’mod li nkompli nirbaħ u nżid il-fiduċja tan-nies, jiena la nassumi u lanqas nimponi l-fiduċja. L-għaqda li rrid fostna trid tkun xempju tal-għaqda li rridu naraw fostna l-Maltin u l-Għawdxin.
Kap li tista’ tafdah
Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista jista’ biss jingħaqad wara Kap li tista’ tafdah. Kap b’valuri li jmexxi bi prinċipji. Kap li jiddjaloga, li jisma’ u li jiddeċiedi. Kap inklussiv li jaħdem b’lealtá
Jiena għalhekk inwiegħdek li nkun Kap li nisma’ u li niddeċiedi. Inkun Kap li tista’ tafda.
Mużajk ta’ ideali u ħsibijiet
Partit politiku fejn kulħadd jaħsibha l-istess ikun partit totalitarju, stampa b’kulur wieħed bla sfumaturi. Jiena nemmen f’Partit Nazzjonalista li jkun dar kbira b’ħafna spazju għal min irid jara lil Malta nazzjon wieħed u sħiħ li jimxi ‘l quddiem flimkien. It-tesserati jridu Partit li jħaddan id-diversità, id-differenzi, l-abbiltajiet kollha fejn kulħadd iħossu komdu u ndaqs.
Jiena nagħtik garanzija li minn dawn l-ilwien u opinjonijiet differenti tista’ toħroġ qawsalla sabiħa li tgħaqqadna u tmexxina ’l quddiem bħala Partit u pajjiż.
Partit fejn hemm spazju għal kulħadd
Il-Partit għandu bżonn jingħaqad bħala l-ewwel biċċa xogħol ta’ tmexxija ġdida.
L-għaqda fi kwalunkwe organizzazzjoni tinbena fuq il-fatt li kulħadd iħoss li għandu sehem x’jagħti u li dan issehem ikun siewi u apprezzat.
Jiena nikkommetti ruħi li mhux biss nara li kull deputat u uffiċjal tal-Partit jingħata l-ispazju kollu sabiex jaħdem, imma wkoll li jiġu inklużi nies ġodda fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista. Barra minn hekk, jiena ser nikkommetti ruħi li npoġġi bilqiegħda u niddjaloga ma’ dawk li ma għażlux lili, sabiex b’rieda tajba bejnietna, insibu dak li jgħaqqadna.
Irridu wkoll nagħtu aktar spazju lin-nisa sabiex jinvolvu ruħhom fil-Partit Nazzjonalista u nagħmlu dak kollu possibbli sabiex dan jiġi ffaċilitat. Jien ser nassigura aġenda ta’ ħidma li tara aktar nisa f’kull livell u f’kull ħidma tal-Partit, inkluż fit-tmexxija.
Nemmen li n-nisa jridu jkunu protagonisti fit-tmexxija politika, ekonomika, soċjali u kulturali tal-pajjiż.
Partit Kredibbli
Il-Partit ikun kredibbli meta jifhem x’inhuma l-weġgħat tan-nies u l-problemi tagħhom, u kif bil-valuri ġenwini li jsawruna, il-Partit Nazzjonalista jista’ joffri soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi individwali u l-aspirazzjonijiet personali tan-nies.
Għalhekk irrid nifhem x’inhuma l-problemi veri tan-nies.
Inwiegħdek li niltaqa’ miegħek u ma’ kull min hu interessat, biex nisma’ u nifhem dak li tixtieq li jkun il-Partit Nazzjonalista. Naslu li jkollna Partit kredibbli, fdat u li jitwemmen, għax jisma’, jiddiskuti, u jagħraf x’inhuma l-problemi u l-weġgħat tan-nies, isib is-soluzzjoni, jaqdi l-bżonnijiet tagħhom u jikseb il-fiduċja tal-poplu.
Partit fejn niddeċiedu flimkien
Il-Partit Nazzjonalista jrid jagħmel użu aħjar tal-istrutturi li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, sabiex ikun hemm aktar ħsieb u djalogu internament.
Jiena nwiegħdek li nara li l-istatut tal-Partit u l-istrutturi kollha tiegħu jaħdmu sewwa u b’laqgħat regolari ħalli jorqmu l-politika u d-deċiżjonijiet tagħna b’mod relevanti għas-soċjetá tal-lum.
Partit żagħżugħ u mħarreġ
Sabiex ikun relevanti, il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti spazju liż-żgħażagħ u jafda fihom li jmexxu l-Partit Nazzjonalista ‘l quddiem. Kull membru attiv fil-Partit irid jibqa’ jiġi mħarreġ sabiex il-ħidma tagħna lkoll tkun siewja u relevanti, u hawn fejn għandu rwol importanti wkoll l-AŻAD.
Nassigurak li ser nagħmel ħilti sabiex inressaq lejn il-Partit Nazzjonalista ferm aktar żgħażagħ kapaċi u mħeġġin fl-istrutturi kollha tiegħu, inkluż bħala kandidati li lesti jikkontestaw elezzjonijiet f’kull livell.
Kemm il-kandidati ġodda kif ukoll dawk stabbiliti u l-uffiċjali tal-Partit iridu jsibu kull għajnuna u taħriġ biex jaslu. Għalhekk nagħti importanza kbira lill-AŻAD li trid tkun l-iskola tal-ħsieb, tal-formazzjoni u tat-taħriġ għan-nies kollha tal-Partit.
Partit modern: organizzat, effiċjenti u effettiv
Il-Partit Nazzjonalista jrid ikun organizzat u lest biex jaffaċċja kull sfida elettorali, bi strutturi li jaħdmu tajjeb, b’mod effiċjenti u effettiv.
Għal dan il-għan, nikkommetti ruħi li naħdem sabiex inkomplu ninvestu fir-riżorsi kollha tal-Partit, inkluż l-impjegati u l-voluntiera tiegħu. Nifhem li sabiex dan iseħħ, il-Partit Nazzjonalista jrid ikompli jiġġenera sorsi ġodda ta’ finanzjament u għal dan il-għan naħtar tim tekniku ta’ professjonisti li jkomplu jibnu fuq ittajjeb li sar sabiex l-assi kollha tal-Partit jiġu utilizzati u mmassimizzati bl-aħjar mod sabiex flok piż fuq il-Partit, ikunu sorsi ġodda ta’ finanzjament.
Nikkommetti ruħi li l-preżenza tagħna fil-lokalitajiet tiżdied permezz tal-Kumitati Sezzjonali. Jiena nemmen b’qawwa fl-irwol tal-każini tagħna fil-lokalitajiet, peró dawn huma biss il-bidu tal-preżenza tagħna li trid tkun ħafna aktar minn binja.
Nikkommetti ruħi li minn tal-inqas darba fis-sena niltaqa’ mal-Kumitati Sezzjonali kollha tagħna, u darba kull sentejn insejjaħ Kungress Distrettwali f’kull distrett, ħalli kulħadd ikollu l-ispazju sabiex iwassal lill-Kap tal-Partit ix-xewqat tiegħu.
Partit li jisma’ ħafna aktar: komunikazzjoni moderna
Jekk hemm qasam li rridu naħdmu bil-kbir fuqu hu l-komunikazzjoni b’mezzi tradizzjonali u oħrajn ġodda, li tkun mezz ta’ djalogu veru u mhux propaganda.
Filwaqt illi nżommu u nsaħħu l-media tradizzjonali tal-Partit – Net TV, Net FM, il-gazzetti Il-Mument u In-Nazzjon, li huma għodda importanti sabiex il-messaġġ tal-Partit jasal għand firxa wiesgħa tal-elettorat tagħna, irridu wkoll ninvestu fil-media tal-futur li huwa online. Il-media tagħna trid tkun content driven u tadatta ruħha, jekk hemm bżonn radikalment, mal-media moderna u l-media soċjali kollha.
Partit Rebbieħ
Jiena konvint li l-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jsir Partit mill-ġdid rebbieħ. Għalhekk qiegħed noffri lili nnifsi sabiex inkun il-Kap li jgħaqqad u li jġedded lil dan il-Partit.
Jekk tafdaw lili bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, l-ewwel rebħa li niksbu flimkien tkun l-għaqda tal-Partit. It-tieni rebħa tkun li nġeddu lill-Partit u noffru viżjoni u programm b’saħħtu u kredibbli lill-poplu Malti u Għawdxi.
It-tielet rebħa ser tkun li l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun movement modern u progressiv li jġib is-saħħa tiegħu mid-diversità u l-inklussività. għall-interess tal-poplu, għad-difiża u s-sigurtà. tiegħu, u għall-ġid komuni.